Snin ta' Hidma 2011 - 2012
Il-Fratellanza tal-Beata Verġni ta’ Lourdes għat-tielet sena konsekuttiva qiegħda twassal il-messaġġ tagħha fid-djar tagħkom permezz tar-rivista “Mariapolis”. Kellna diversi kummenti pożittivi mill-Komunità in ġenerali u għalhekk bħala Grupp Mexxej ser inkomplu ninvestu f’din ir-rivista sabiex inwasslu l-messaġġ ta’ Lourdes lilkom.
Din is-sena r-rivista “Mariapolis” ser tieħu dehra ġdida għaliex minbarra l-messaġġ tal-Fratellanza ser nippubblikaw messaġġi oħra mibgħuta lilna minn barra minn xtutna; fosthom messaġġ mill-President tal-Condeferazione delle Confraternite Italiane, Dott. Francesco Antonetti, messaġġ mis-Sur Andrea Salerno Kunsillier fil-Confraternita dell SS Crocifisso ta’ Monreale, messaġġ mis-Sur Francois Vayne, Direttur ta’ Lourdes Magazine u ħafna aktar. Ittema ta’ Lourdes u tal-Fratellanza tagħna għall-Festa ta’ din is-sena ser tkun “Ngħidu r-Rużarju Flimkien ma’ Santa Bernardette”. Grazzi mill-qalb tmur lejn is-Sur Mario Abela, il-Management u l-ħaddiema kollha ta’ Best Print Co Ltd, kif ukoll lejn is-Sur John Buttigieg għax mingħajr l-għajnuna tagħhom din ir-rivista ma tilħaqx il-livell mixtieq.
Il-Ħidma tal-Fratellanza 2011/2012
Għalkemm l-għan prinċipali tal-Fratellanza tal-Beata Vergni ta’ Lourdes hu li tieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjonijiet interni talFesta ad unur il-Madonna ta’ Lourdes, il-ħidma tal-Fratellanza hi mifruxa fuq sena sħiħa. Il-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni tal-Fratellanza tinfirex fuq is-sena kollha kif taraw spjegat hawn taħt. Dan ix-xogħol kollu kien possibbli grazzi għall-ħidma u l-għajnuna mogħtija minn diversi Fratelli, Sorelli u ħbieb ta’ din il-Fratellanza. Il-Kalendarju tal-Fratellanza kien jiġbor fih dawn l-impenji u ċelebrazzjonijiet:
15 ta’Ġunju 2011: Armar tal-Paramenti Sagri tal-Fratellanza għall-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes 2011
19 ta’ Ġunju 2011: Purċissjoni Festa 2011 Madonna tal-Ġilju l-Imqabba – Ġemellagg Lokali
25 ta’ Ġunju 2011: Ġabra b’risq il-Fratellanza – Festa 2011
26 ta’ Ġunju 2011: Purċissjoni Corpus Christi
27 ta’ Ġunju 2011: Quddiesa Festa 2011 iddedikata lill-Familja u t-Tfal
28 ta’ Ġunju 2011: Quddiesa Festa 2011 iddedikata lill-Morda, l-Anzjani u Persuni bi bżonnijiet differenti
29 ta’ Ġunju 2011: Quddiesa Festa 2011 iddedikata liż-Żgħażagħ, l-Għaqdiet Reliġjużi, Soċjali u Kulturali li jaħdmu fil-Komunità tal-Qrendi
30 ta’ Ġunju 2011: L-Ewwel Tridu tal-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes
1 ta’ Lulju 2011: It-Tieni Tridu tal-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes
2 ta’ Lulju 2011: It-Tielet Tridu tal-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes
3 ta’ Lulju 2011: Jum il-Festa – Quddiesa u Purċissjoni Solenni
15 ta’ Lulju 2011 sal-15 ta’ Awwissu 2011: Lotterija ta’ Inkwatru tal-Ganutell b’risq il-Fratellanza u Armar fil-Knisja tal-Paramenti Sagri talFratellanza għall-Festa ta’ Santa Marija
15 ta’ Awwissu 2011: Purċissjoni Festa ta’ Santa Marija
12-15 ta’ Settembru 2011: Ġemellaġġ Internazzjonali bejn il-Fratellanza u l-Confraternita dell SS Crocifisso in Catene, ta’ Corleone, fi Sqallija
18 ta’ Settembru 2011: Purċissjoni Festa tal-Madonna taċ-Ċintura
2 ta’ Ottubru 2011: Purċissjoni Festa tal-Madonna tar-Rużarju
26 ta’ Ottubru 2011: Laqgħa ta’ Talb bl-isem “Il Cammino”
Ottubru - Novembru 2011: Ġbir għar-restawr tal-gandlieri tal-Altar Maġġur
25-27 ta’ Novembru 2011: Il-Fratellanza tieħu sehem fl-attività: Il-Festa – Vetrinatagħna l-Maltin ġewwa l-Kumpless ta’ Monte Kristo u tilqa’ fostna l-President tal-Confederazione Italiana delle Confraternite Dott. Francesco Antonetti u l-President u l-Membri tal-Confraternita dell SS Crocifisso ta’ Monreale
30 ta’ Novembru 2011: Laqgħa ta’ Talb bl-isem “Il Cammino”
27 ta’ Diċembru 2011: Laqgħa Informali mal-Eċċ. Tiegħu Mons. Guido Marini, Maestro delle Celebrazioni Liturgiche del Sommo Pontefice ġewwa l-Vatikan
28 ta’ Diċembru 2011: Żjara fis-sede tal-Confraternita di San Eligio de Ferrari f’Ruma u wara Laqgħa Informali mal-Eċċ. Tiegħu Mons Armando Brambilla u ma’ Dott. Francesco Antonetti f’Ruma
28 ta’ Diċembru 2011: Laqgħa ta’ Talb bl-isem “Il Cammino”
25 ta’ Jannar 2012: Laqgħa ta’ Talb bl-isem “Il Cammino”
11 ta’ Frar 2012: Animazzjoni tar-Rużarju u l-Quddiesa bħala Tifkira tal-Ewwel Dehra tal-Madonna f’Lourdes Frar – Marzu 2012: It-tieni ġabra għar-restawr tal-gandlieri tal-altar Maġġur
24 ta’ Marzu 2012: Purċissjoni bl-istatwa ġdida ta’ Kristu Marbut mal-Kolonna mill-Parroċċa Lourdes f’Raħal Ġdid sal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
26 ta’ Marzu 2012: Animazzjoni tar-Rużarju u l-Quddiesa bħala Tifkira tas-16-il dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes
1 ta’ April 2012: Purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm
5 ta’ April 2012: Mumenti ta’ talb u riflessjoni f’Ħamis ix-Xirka
10 ta’ April 2012: Purċissjoni tal-Kwaranturi
13 ta’ April 2012: Konsulta Ġenerali tal-Fratellanza tal-Beata Verġni ta’ Lourdes
16 ta’ April 2012: Animazzjoni tar-Rużarju u Quddiesa fil-Festa ta’ Santa Bernardette Soubirous
29 ta’ April sal-4 ta’ Mejju 2012: Ġemellaġġ Internazzjonali bejn il-Fratellanza tagħna u l-Confraternita dell SS Crocifisso ta’ Monreale fi Sqallija
8 ta’ Mejju 2012: Pellegrinaġġ fil-Festa tal-Madonna ta’ Pompei – Marsaxlokk
26 ta’ Mejju 2012: Quddiesa u Pellegrinaġġ organizzat mill-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes (AVL) fil-Mellieħa
3 ta’ Ġunju 2012: Laqgħa ta’ Talb għal fejqan ta’ Joseph Mifsud fil-Kappella tas-Salvatur
10 ta’ Ġunju 2012: Purċissjoni ta’ Corpus Christi
15 - 17 ta’ Ġunju 2012: Parteċipazzjoni fil-Cammino Nazionale delle Confraternite Italiane ġewwa Monreale, Sqallija fuq invit tal-President tal-Confederazione delle Confraternite Italiane.
Barra minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u l-attivitajiet kollha, il-Grupp Mexxej iltaqa’ b’mod regolari fil-Kunvent tas-Sorijiet Franġiskani sabiex jippjana u jħejji dak kollu li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien. Sadanittant, il-Fratellanza żammet aġġornati l-Webpage tagħha www.lourdesconfraternityqrendi.org u l-paġna uffiċjali taghha fuq Facebook bl-isem Lourdes Confraternity Qrendi – Malta li sal-lum tilqa’ fiha ’l fuq minn 3,100 membru.
Bħala Grupp Mexxej ġejna mistiedna sabiex inwasslu l-messaġġ tal-Fratellanza f’diversi rivisti internazzjonali, fosthom ir-rivista “Tradere” li tiġi ppubblikata fuq bażi regolari mill-Confederazione delle Confraternite Italiane u r-rivista annwali li toħroġ il-Confraternita dell SS Crocifisso ta’ Monreale. Nemmnu li hemm ħafna iżjed x’jista’ jsir u għalhekk fiż-żmien li ġej ser inkomplu naħdmu sabiex isem il-Fratellanza ikompli jikber kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Minn hawn inħeġġu aktar membri sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom biex b’hekk dak kollu li għandna pjanat isir realtà.